Il-bażi ta’ kull Gvern elett mill-poplu għandha tkun imsawwra fuq id-Demokrazija. Dan jiġi attwat billi l-Gvern jassigura il-parteċipazzjoni ta’ kull individwu fit-tfassil tal-politika tieghu fl- oqsma diversi. Dan għandu jsir billi jaddotta metodi ta’ tmexxija b’konsultazzjoni li jinkoraġġixxu liċ-ċittadini sabiex ikunu aktar parteċipi fit-teħid tad- deċiżjonijiet.
Tmexxija Demokratika tkompli tissaħħaħ meta t-Trasparenza tingħata priorita’ assoluta. Dan għaliex b’hekk il-Gvern ikun qiegħed jagħlaq il-bibien għal kull xorta ta’ abbuż. U din it-trasparenza għandha tkun kemm fl-operat tal-Ministri kif ukoll fl-operat tal-haddiema tagħhom. It-Trasparenza titlob ukoll skrutinju kontinwu tad-Dipartimenti kollha Governattivi speċjalment fejn jidħlu is-servizzi li joffru.
Tmexxija tajba għandha tassigura l-akbar serjeta’ u għaqal fl-infieq tal-fondi pubbliċi. Dan sabiex il-flus miġbura mit-taxxi, jintefqu fl-aħjar interess tal-poplu.
Il-Kontabilita’ għandha tkun priorita’ ohra ta’ Gvern serju. Għaldaqstant, il-Gvern għandu d-dmir iżomm lilu nnifsu miftuħ għal kull skrutinju kemm intern kif ukoll estern. Dan kollu ghandu jwassal sabiex it-tmexxija tkun waħda serja fl-operat tagħha. Kemm it-trasparenza kif ukoll il-kontabilita’ jwasslu għal imġieba ahjar u jghinu sabiex l-interess tal-poplu, b’mod speċjali fejn jidħlu deciżjonijiet, jipprevali fuq dak politiku.
Il-kompetenza hi fattur iehor importanti sabiex il-pajjiż ikollu Gvern serju. Huwa d-dmir ta’ l-awtoritajiet li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jiġu meħuda bl-akbar għaqal. Sabiex dan jibqa’ jsir, jeħtieġ li kull min ikun involut f’teħid ta’ deċiżjonijiet, ghandu jiġi motivat, u dan sabiex ir-riżultati jkunu pożittivi u fl-ahjar interess tan-nazzjon.
Gvern serju għandu jahdem sabiex minn żmien ghal żmien jiddaħlu servizzi ġodda li jkunu aktar effiċjenti minn dawk eżistenti. L-ghan ewlieni wara dan kollu għandu jkun sabiex iċ-ċittadin jingħata l-ahjar servizz u bl-inqas dewmien possibbli.
Dawn il-punti għandhom ikunu parti mill-istrateġija tat-tfassil ta’ Gvern Demokratiku li jaħdem għall-aħjar interess tal-poplu.